gov.mt

PR261745

PR261745

19/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI L-Isptar il-Qadim fl-Imqabba jerġa’ jingħata lill-komunità

​

L-Isptar il-Qadim fl-Imqabba ġie rrestawrat u ngħata ħajja ġdida biex dan il-wirt storiku ta' valur għall-komunità jkun jista' jerġa' jintuża u jitgawda mir-residenti tal-Imqabba u minn dawk kollha li jżuru l-lokalità.

L-investiment totali fil-proġett ammonta għal €192,000, li minnhom il-Kunsill Lokali tal-Imqabba investa €112,000 mill-fondi tiegħu, filwaqt li €80,000 ġew minn fondi maħruġa mill-Aġenzija tal-LESA.

Il-binja ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, wara li tlestew ix-xogħlijiet estensivi ta' restawr u riġenerazzjoni fuq din il-binja storika.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli, qalet li proġetti bħal dan jirriflettu l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-komunitajiet u jagħti l-ħajja lil spazji li huma parti mill-istorja u l-identità tal-lokalitajiet tagħna. “Dan huwa eżempju ċar ta' kif investiment fil-komunità jista' jħares lejn il-futur filwaqt li jirrispetta u jippreserva l-passat. Irridu nkomplu naħdmu flimkien mal-Kunsilli Lokali biex nagħtu ħajja ġdida lil spazji li għandhom valur għar-residenti u niżguraw li l-wirt tagħna jibqa' jitgawda mill-ġenerazzjonijiet tal-lum u dawk li ġejjin," qalet il-Ministru.

Il-Ministru saħqet li l-Gvern se jkompli jappoġġja lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jwettqu proġetti li jtejbu l-ambjent tal-komunitajiet, isaħħu l-ispazji tagħhom u jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa, qalet li dan il-proġett huwa pass importanti għall-komunità tal-Imqabba, hekk kif binja li għal snin kienet fi stat mitluq issa qed tingħata ħajja ġdida u qed terġa' ssir parti mill-ħajja tal-lokalità. Hija saħqet li l-Kunsill Lokali se jkompli jaħdem biex jattira aktar investiment u fondi sabiex dan il-wirt storiku jkun jista' jintuża u jitgawda mill-komunità, filwaqt li jkompli jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

L-Isptar il-Qadim għandu importanza partikolari fl-istorja tal-Imqabba. Il-binja nbniet mill-Kavallieri ta' San Ġwann fis-seklu tmintax u serviet bħala sptar tal-pesta u għal mard ieħor. Billi hija skedata bħala Grade 1, il-proġett iffoka fuq il-preservazzjoni tal-karatteristiċi storiċi u arkitettoniċi tagħha.

Qabel beda l-proġett, il-binja kienet fi stat mitluq u kellha diversi ħsarat, fosthom problemi kkawżati mid-dħul tal-ilma. Saru xogħlijiet ta' restawr estensivi, fosthom it-tneħħija u t-tqegħid mill-ġdid tal-fili bl-użu ta' materjali li ma jagħmlux ħsara lill-ġebla, it-tibdil ta' travi u r-restawr tal-elementi tal-injam.

Fuq il-bjut saru xogħlijiet biex jiġu indirizzati l-problemi ta' infiltrazzjoni tal-ilma, filwaqt li ċ-ċangatura nqalbet u tqiegħdet mill-ġdid. Ġew installati wkoll rampi u nbidlu ċerti bibien biex titjieb l-aċċessibbiltà għal persuni li jużaw siġġu tar-roti.

Il-Kunsill għandu l-għan li jkompli japplika għal fondi biex il-binja tiġi mgħammra u tkun tista' sservi bħala uffiċċju tal-Kunsill Lokali.​​

B'dan il-mod, l-Isptar il-Qadim mhux biss qed jiġi ppreservat bħala monument tal-passat, iżda qed jingħata wkoll funzjoni li tħares lejn il-futur u lejn il-ħtiġijiet tal-komunità.

​